IL-HBIEB ISEJHU

-
Lulju 2002 | Harga Nru.431
-

 

-
+L-Iben t'Alla sar Bniedem

+:: L-Editorjal

Paul Haley kellu jmut hesrem.  Ta’ età zghira hafna.  Inqas minn tmien snin.  Il-kancer li trabbalu, dak iz-zmien ma kienx kurabbli.

Il-genituri tieghu xtaqu jissodisfaw kull xewqa tac-ckejken qabel ma jitilfuh ghal dejjem.  Kienu jippruvaw jehdulu minn mohhu x’jixtieq u meta possibli xewqtu kienet titwettaq fl-inqas zmien.   Izda darba kif kien qed jitkellem ma’ ommu qalilha:

“Meta nikber nixtieq li niltaqa’ mal-President Eisenhower.”

L-omm tbikkmet.  Xewqa bhal din ma setghetx issehh ghax l-ewwelnett ma kienx facli li taghmel appuntament mal-President ghax dan ikun dejjem impennjat.  U t-tieni minhabba l-marda tat-tfajjel anqas kien possibli ghalih li jaghmel vjagg ta’ strapazz ghad li d-distanza ta’ bejniethom ma kinitx kbira hafna ...ftit ghexieren ta’ mili.  Izda omm Paul gieha hsieb f’mohhha.  Kitbet lill-President u qaltlu bl-istorja kollha.  U talbitu li jibghatlu ritratt b’nota qasira li hu wkoll jixtieq li xi darba jiltaqghu.

Ghaddew xi jiem.  Stenniet ir-risposta.  Izda din ma waslitx.  Ma staghgbitx.  Il-President ta’ l-Amerika jkollu hafna problemi u zgur li ftit ser isib hin li jirrispondi ittra ta’ omm dwar binha ta’ seba’ snin.

U ghalhekk ix-xokk taghhom kien ikbar meta ftit wara waqfet fejn id-dar taghhom limousine kbira u l-President innifsu deher diehel fid-dar ta’ Paul biex jiltaqa’ ma’ habibu ckejken.  Il-genituri ta’ Paul ma ridux jemmnu lil ghajnejhom.  Paul kien ferhan ser itir.  Jghidu li qatt ma rawh dahkan daqs dakinhar li ltaqa’ mal-President.

Mhux ta’ b’xejn li Eisenhower kien wiehed mill-iktar presidenti mahbuba ta’ l-Istati Uniti.


+:: PIT STOPS

Tentufiet li jhajruk taghmel pit stop fil-girja sfrenata tal-hajja

Guvnott dahal f’sala tat-tahditiet u malli lemah il-kelliem qal b’lehen gholi:

“Iva dan ser jitkellem illum? Imarrad lil kulhadd!”

Il-mara li kienet qribu qaltlu:

“Ghaliex qed tghid hekk?”
“Ghax dak professur fl-Università.  Illum smajtu ghal 3 sighat jitkellem fil-vojt.  Zgur li ma kontx nixtieq nerga’ nisimghu.”
“Int taf min jien?”
“Le!”
“Jien il-mara ta’ dak il-professur!”
“U int taf min jien?”
“Le.”
“Dak l-importanti!”
  U bewweg ‘il barra.

Ghax bhalma jghid il-qawl ...kelma barra s-sinna ddur mad-dinja.  U xi haddiehor darba qal: ‘Kelma go fik sid taghha int ...kelma barra minnek sidt tieghek hi‘.


Xi xjentisti sinjuri riedu li jiddendlu ma’ sies biex jiehdu ritratt ta’ bejta ta’ ghasfur rari. Imma bezghu.  Hajru ghalhekk guvnott u weghduh somma sabiha ta’ flus jekk kapaci jiddendel.  Dan accetta b’kundizzjoni wahda:

Basta jorbotni missieri u jithalla jzomm il-habel hu -

Jalla int u jien ikollna l-istess fiducja f’missierna tas-sema.


Ganni kien bidwi dejjem bi tgergira fuq xofftejh.  Jekk tohrog ix-xemx jghid ser li ser tnixxef kollox u jekk taghmel ix-xita jghid li ser tgharraq kollox.  Imma sena minnhom ghamel wicc patata u tghidx kemm irnexxielu.  Hafna aktar minn tal-girien tieghu li l-wicc messitulhom il-glata.  Habib tieghu kkummenta lil Ganni:

“Din is-sena ma tgergirx habib ghax ghandek wicc patata li ma ssibx bhalu f’rahalna!”

“U x’ma ngergirx ma ngergirx!  X’hin kont naqlaghha ma sibtx wahda mhassra!”

“Ma sibtx imhassrin u ser tgerger?”

“Ghax is-soltu jkolli x’nitma lill-annimali imma din is-sena mhux ser ikolli ghalihom.”

Bla ma noqoghdu nitkazaw b’Ganni tghidx kemm minna naghmlu l-istess!


Meta kienu qed jibnu l-kanal tal-Panama, kien hemm hafna kritika.  L-iktar lejn Colonel George Goethals li kien responsabbli mill-progett.  Darba xi hadd qallu:

“Meta ser twegibha din il-kritika?”

“Meta l-holma tal-kanal issehh, kull vapur li jghaddi jkun qed iwiegeb il-kritika.”

U z-zmien tah ragun.  Ghax jekk il-karovana toqghod tieqaf ghal kull nebha ta’ kelb, zgur li ddum hafna ma tasal fid-destinazzjoni taghha.


Ejjew ghandi intom ilkoll li mhabbtin u mghobbijin u jien inserrahkom - GESU` KRISTU (Mt 11, 28)


+:: Ponn Hamrija

:: jikteb Dr Coronato Grech

Ghalkemm il-bicca l-kbira tal-kreaturi li hemm fil-hamrija huma ta’ beneficcju ghall-fertilità però whud huma ta’ hsara, almenu mill-punto di vista umana; per ezempju f’cirkustanzi fejn il-hamrija ma tantx fiha arja ghax mifqugha bl-ilma, xi whud jiffurmaw sustanzi tossici jew aciduzi ghal pjanti ikbar, jew anke jiffurmaw gassijiet bhal metanu (li meta spontanjament jaqbad ta lok ghal hafna stejjer ta’ ihirsa).  Imbaghad hemm dawk il-mikrobi patogenici ghalina bhal dawk li jikkagunaw it-tetanu u kankru tal-gass.

Il-hamrija, minn kif forsi jidher anke minn dil-harsa hafifa, hija importantissima kif fil-fatt kien apprezzat sa minn kmieni.  U f’pajjizna biex izommu l-hamrija milli tingarr mix-xita (u anke biex jinhadmu ahjar l-ghelieqi) il-bdiewa bnew hafna hitan tas-sejjieh, hitan li jkun tajjeb hafna li nibzghu ghalihom u naghmlulhom kull manutenzjoni mehtiega.  Ghax hafna xita fil-fatt hija ghadu tal-hamrija ghax tkaxkru mal-widien ghall-bahar.  Però hamrija li jkun fiha hafna gheruq ta’ pjanti u sigar tkun marbuta sew u difficli li tingarr minn xita komuni.  Però kull fejn tqacctu l-foresti jew inqerdu hafna pjanti bil-merghat (partikolarment mill-moghoz) bhal fl-Ewropa preistorika, inkluz pajjizna, ingarret hafna hamrija u gieli nkixef anke l-blat.

Ukoll, l-uzu tal-pesticidi, u anke fertilizzanti, jistghu jizbilancjaw ic-cikli fil-hamrija minkejja li ghal ftit izidu l-ucuh tar-raba’.  Dan ghaliex il-pesticidi jinterferu mal-piramida tal-hajja b’konsegwenzi spiss mhux mistennija u inqas u inqas mixtieqa.  Anke fertilizzanti zejda jistghu jeghlbu l-kapacità tal-mikrobi li jippreservaw il-hamrija.  Il-preservazzjoni tal-hamrija kif ukoll titjib fl-ucuh tar-raba’ huma ta’ priorità kbira ghall-agronomisti (dawk li jistudjaw il-pjanti u l-hamrija).  U dan jixraq meta hemm il-problema akuta tal-popolazzjoni tad-dinja.

Intant, biex forsi juri li xejn u hadd ma hu finalment daqshekk importanti, anke l-hamrija llum nistghu nghaddu minghajrha (almenu f’centri specjalizzati) ghax jistghu jitkabbru pjanti billi l-gheruq taghhom ikunu f’tahlita likwida ta’ nutrittivi minghajr ebda hamrija (specjalizazzjoni li tissejjah ‘hydroponics’); u ghall-vetturi spazjali, jekk insalpaw lejn il-kwiekeb, xi haga hemm ikollna naghmlu!

Intant, kemm jekk qieghed taghzaq fil-gnien, f’xi mixja fil-kampanja, taqra dan l-artiklu jew ixxomm dik ir-riha eskwizita wara l-ewwel xita, ta’ min jiftakar kemm hija utli, prezzjuza u affaxxinanti (u ta’ dilemma ezistenzjali) din il-hamrija.


+:: Forsi Jinteressawk  

Nizzlitu mis-shab

Fetah negozju u rnexxa.  Bnieh mix-xejn.  Izda s-success tela’ ghal rasu u beda jahseb li ma hawnx bhalu.  Darba kienu f’riceviment u xi hadd nefhu izjed meta qallu quddiem martu:

“Nifrahlek.  Mohhok arkivju.  Int wiehed mill-ahjar imhuh ta’ pajjina.”

Ir-ragel ha pjacir bil-kumpliment u meta kienu wehidhom staqsa lil martu:

“Kemm tahseb li hawn imhuh arkivji f’pajjizna?”

“Wiehed inqas minn kemm tahseb li hawn int!” irrispondiet martu.


Dak kuragg!

Leonidas, sultan ta’ Sparta, rcieva messagg mill-Persjani li kien qed jiggieled kontra taghhom:

“Tkomplix bil-glieda.  Jaqbillek iccedi jekk ma tridx li l-vlegeg taghna jghattu d-dawl tax-xemx.”

Leonidas wiegeb:

“Nippreferu niggieldu fid-dell.”


Wejter lill-klijent:

“Kif sibtu l-laham?”

“B’kumbinazzjoni.  Kien taht werqa zghira tal-hass!”


Bin ommu

Louis Borges, awtur argentin ma riedx idendel ir-ritratt tal-President Peron fl-ufficcju tieghu.  Ammiratur (jew ahjar fanatiku) ta’ Peron mar id-dar ta’ omm Borges u heddidha:

“Jekk ibnek ma jdendilx ir-ritratt sa tarf il-gimgha noqtolkom it-tnejn.”

“Lil ibni tista’ tistenna sa tarf il-gimgha biex toqtlu ghax ghadu zghir u jidher b’sahhtu.  Imma li kont minnek ma nistenniex daqstant biex toqtol lili ghax jien ghandi 80 sena u facli mmut qabel toqtolni int!”


Trid il-hsieb

Xi hadd darba staqsa lil Cato, politiku Ruman, ghaliex ma kinux ghamlu statwa ghalih:

“Ahjar jaghmlu mistoqsija ghaliex ma ghamlux statwa lil Cato milli jaghmlulu statwa u n-nies isaqsu ghaliex ghamlu l-istatwa.”


Attenzjoni fis-sewqan

Irlandiz li kien qed isuq ziemel waqaf u dahal f’hanut tax-xorb.  U ordna zewg tazzi kbar mimlja whisky ghaz-ziemel tieghu.  U b’ghageb ta’ kulhadd iz-ziemel xorobhom.  Dlonk ordnalu zewg tazzi ohra u z-ziemel rega’ xorobhom.  Imbaghad ir-ragel hallas u kien hiereg u xi hadd staqsieh:

“U int m’intix ser tlegleg xi grokk habib?”

“Ma tarax li ma nixrobx.  Jien qatt ma nixrob meta inkun ser insuq!”


+:: Simetriji + Bejn grajja, riflessjoni u kwotazzjoni

 

Sa mill-1949 il-membri tal-kongregazzjoni

tal-Knisja Presbiterjana ta’ Dover N.J.

jiccelebraw il-Milied b’sigra,

rigali, ghanjiet ecc

...fl-ahhar Hadd ta’ Lulju.

 

It-tradizzjoni bdiet b’decizjoni

li jibaghtu xi affarijiet tal-Milied

lill-missjunarji fic-Cina.

Billi l-posta kienet tiehu xhur kbar

kien hemm bzonn li jahsbu kmieni

biex jaslulhom fiz-zmien.

 

Matul iz-zmien il-generozità tant kibret

li l-karità nfirxet man-nies fil-bzonn

ta’ l-istess komunità.

 

Ir-Reverendu Hugh M Miller

li ghamel xi zmien jiehu hsieb din il-kongregazzjoni

qal li ghalihom il-Milied ta’ Lulju kien aktar reali

ghaliex ma jkunx zmien il-kummercjalizmu

bhalma sfortunatament sar ghal bosta l-Milied prezenti.

Ghax l-ispirtu tal-Milied qieghed

fit-tarbija ta’ Betlem

u mhux fil-karti mlewna.

 

“Aghtu u jinghatalkom; kejl tajjeb, marsus,

mehzuz u mfawwar jaghtukom fi hdankom;

ghax bil-kejl li tkejlu, ikejlulkom.”

(Lq. 6, 38)


+:: Ahseb Hsibijiet Pozittivi

Dak li nahsbu u dak li nhossu huma marbuta hafna flimkien.  Kull emozzjoni tigi wara hsieb – anke jekk ma nkunux konxji ta’ dan ...huwa l-hsieb li jwassal ghal dak li nhossu.  Ezempju: tiftakar f’cajta u titbissem.  Mhijiex ic-cajta fiha nnifisha li ggaghlek titbissem imma dak li int tahseb dwarha.  Jekk ic-cajta ma kontx accettajtha anqas din id-darba ma titbissem u thossok ferhan.

Hsibijiet negattivi jaffettwawna hekk ukoll.  Meta tiftakar f’xi haga li dejqitek jew okkazjoni fejn hassejtek tisthi, terga’ tghaddi mill-istess esperjenza.  Izda hemm bzonn li taghmel differenza li ddejjaqt mhux tort l-esperjenza imma minhabba dak li int hsibt dwarha.

Is-sekwenza hija dejjem din:

l-esperjenza

xi hsibt fuq din l-okkazjoni

x’hassejt dwar dak li gara.

Hafna drabi ahna konxji ta’ l-ewwel u t-tielet ...li grat xi haga u ahna ma hadniex gost biha.  Izda r-raguni ghalfejn ahna nhossuna mdejqin hija t-tieni wahda.  L-ahbar tajba hi l-fatt li jekk nibdlu l-mod ta’ kif nahsbuha, inkunu qed nibdlu wkoll kif inhossuna.

Nibdlu l-mod ta’ kif nahsbu

Hsibijiet negattivi, bosta drabi, ma humiex realistici.  Tistenna l-aghar jew tghid lilek innifsek li mhux ser jirnexxielek tlahhaq meta fil-fatt xejn minn dan ma jkun ser jigri.  Meta thossok anzjuz jew inkwetat, ara jirnexxielekx tasal ghal dak li qed igaghlek taghmel hekk.  Il-hsieb qed jirrifletti realtà zgura jew qed thalli hsiebek jigri bik?  Jew forsi, bla ma taf, waqajt f’cirku vizzjuz ta’ nkwiet?

L-istess jista’ jinghad jekk ma thossokx sewwa fuqek innifsek, hajtek inkella l-futur tieghek.  Qed tpoggi kritika harxa fuqek meta l-htija mhijiex tieghek?  Meta ma nkunux f’sikkitna l-aktar li nahsbu hsibijiet negattivi ...u jwaqqghuna f’cirku vizzjuz.

Zbalji fil-hsieb (ezempji)

Meta xi hadd jghaddilek kumment fuq dak li tkun qed taghmel u mill-ewwel tahseb li qatt ma ghamilt xejn tajjeb u kulhadd qata’ qalbu minnek.  U ma thossokx sew.

JEW

Ma tkunx mistieden ghal xi attività.  Mill-ewwel taqbez ghall-konkluzjoni li mintix popolari u kulhadd kontrik.  U tibda ma thossokx sewwa fuqek innifsek.

Xi jkun qed jigri?  Tkun qed tiggeneralizza u tahseb l-aghar ...bla ebda raguni.  Meta xi hadd jikkritikak b’daqshekk ma jfissirx li dak li taghmel hu kollu hazin u meta ma tkunx mistieden anqas ifisser li n-nies ma jridukx.

Bosta drabi naqghu fi hsibijiet negattivi ghax niftakru f’xi hadd li kien influwenti fuqna, bhal xi genitur jew ghalliem, li kien jikkritikana ghal kull haga ta’ xejn.  Mhix haga hafifa li ssikket dawn il-hsibijiet ta’ dari izda jekk niffissaw fuqhom ma nohorgu qatt minn cirku vizzjuz li aktar ma jghaddi z-zmien aktar ixikkilna.

Ghalhekk meta xi hadd jikkritika dak li tkun ghamilt, toqghodx tahseb izzejjed fuqu izda ghid ‘persuna wahda biss tahsibha hekk.  Hemm hafna nies ohra li dan li qed naghmel joghgobhom.’  Minflok hsieb negattiv, tkun affrontajt kritika billi zammejtha fil-qies taghha.

B’hekk dan il-hsieb pozittiv ma jhallix hsibijiet negattivi jagixxu fuq l-emozzjonijiet taghna.  Biex tibdel il-mod ta’ kif tahseb hemm bzonn il-prattika ...f’waqtiet ma tkunx hafifa, izda jekk jirnexxielek tkun ftaht bieb gdid fuq hajtek.

> Mur lura ghall-pagna principali