
| Jannar 2007 - Harga Nru
485 + L-Iben t'Alla sar Bniedem Meta
r-raġel abjad rifes fil-kontinent Afrikan u beda dieħel ’il ġewwa,
bogħod mill-baħar qalb il-ġungla u l-boskijiet tal-kontinent,
iltaqa’ ma’ bosta tribujiet li kollha kellhom id-drawwiet tagħhom. U
fost dawn id-drawwiet tissemma dik imsejħa tal-fjura tar-rebbiegħa.
L-ewwel fjura ta’ l-istaġun. Min kien jilmaħ din il-fjura kien
ikollu sena sħiħa ta’ ikel għall-familja tiegħu. U
sena minnhom kien daqsxejn ta’ tfajjel li lemaħ din il-fjura mxabbta
ma’ l-eħrex dagħbien. Raha imma ma setax iġibha għax
kienet f’nofs is-sies. Ried jiddendel għaliha minn fuq. Imma twerwer
meta sħabu qalulu li lesti jniżżluh bil-ħabel u meta
jaqtagħha jmur u jippreżentaha lill-kap tat-tribù. Iżda
ħarsa lejn dak id-dagħbien fond u sewdieni… mimli għollieq u
ġebel ippuntat, qatgħulu qalbu. Dlonk wasal missieru li meta sar jaf
bis-sejba ma xtaqx jitlef dak il-premju… ta’ sena ikel għall-familja
kollha. Anqas ried jitlef lil ibnu li nzerta l-kbir u li kien iħobbu
ħafna. Imma xorta qallu: “Ibni
sena ikel għall-familja tagħna tfisser ħafna. Inżel għall-fjura
u inżommlok il-ħabel jien. F’idejja tkun fis-sod!” U
t-tifel bla ma ħasibha xejn resaq lejn tarf is-sies, intrabat kif kien tgħallem
jagħmel minn età żgħira u ħalla lil missieru jniżżlu
biex jaqta’ l-fjura. U meta qatagħha tela’ ferħan biex imur
jippreżentaha lill-kap tat-tribù. U
sħabu staqsewh: “Għaliex
meta ridna nniżżluk aħna bżajt u meta qallek missierek inżilt
bla ebda biża’?”
“Għax kont ċert
li missieri ma kienx ser iħallini naqa’.” Mhux
jaħasra li jien u int ikollha l-istess fiduċja f’Missierna
tas-sema. Kemm ikun awgurju sabiħ għas-sena l-ġdida! XENI
MINN TREJQET IL-ĦAJJA Għalhekk
sabiħ il-Vanġelu għax
għad li għaddew minn fuqu elfejn sena ġrajjietu
għadha tirrepeti ruħha. Kienet
tifla fuq tagħha U
issa li saret xebba Riedet
tkun rajja f’idejha ma
riditx indħil X’ħin
toħroġ... u x’ħin tidħol... ma’
min qed tagħmilha... Missierha
kellu fehma oħra U
sakemm kienet taħt saqaf daru ried
li jżommilha. Ma
setgħetx tagħmel li trid bħallikieku
hu ma kienx jeżisti. U
fl-aħħar ix-xebba xebgħet ħalliet
nota qasira u telqet tgħix ħajjitha eluf
ta’ mili bogħod minn raħal twelidha. Ittra
jew tnejn fil-bidu imbagħad
sikta ta’ qabar. Qatt
iktar ma semgħu aħbarha. Għaddew
ix-xhur... is-snin u
t-tfajla xebgħet tgħix ħajjitha biegħet
ġisimha biex ikollha x’tiekol u
dawk li darba stqarru li jħobbuha warrbuha
u rmewha. bħalma
narmu lumija magħsura. Weħidha
kienet tibki xortiha. Xtaqet
li damet iktar f’dar missierha u ommha. Xtaqet
li kienet iktar għaqlija. Xtaqet
li tmexxi lura l-arloġġ. “Niktbilhom,”
qalet darba bejnha
u bejn ruħha u
hekk għamlet u indirizzat l-ittra lil ommha għax
fehmet li taħfrilha aktar malajr minn missierha. Qaltilha
li ġejja lura Tatha
l-ħin tal-wasla u
n-numru tat-titjira... u
spiċċat l-ittra: ‘U
jekk missieri ma jridnix lura ma
jimportax... nifhem li jkun ħaqqni u
nerġa’ lura lejn il-post fejn qed noqgħod issa.’ Iżda
meta waslet f’art twelidha u
ħarġet mis-sala l-kbira bil-bagalji ħadet
il-qatgħa ta’ ħajjitha għax
quddiemha rat lil missierha u ommha ħutha
subien u bniet, qraba, kuġini, neputijiet,
ħbieb, ġirien u sħabha ta’ dari u
f’idejhom kartelluni mlewna kollha
bl-istess kelma ‘MERĦBA’. U
missierha ġera lejha ħaddanha
miegħu u
qalilha fost l-ilfieq li nstema’ sewwa “Isa...
għax illejla rridu nagħmlu festa!” U
jekk missier bid-difetti kollha kapaċi
jaħfer kemm
iktar jaħfer DAK li hu l-istess tjubija DR
CORONATO GRECH M.D. itemm
l-artiklu IL-MAĠIJA
TAL-KULURI Fid-dinja
ta’ l-arti l-kuluri huma ċentrali ħafna. L-eqdem stampi
kkuluriti nstabu f’għerien f’Lascaux fi Franza u Altamira fi
Spanja u għandhom xi 15,000 sena! L-Eġizzjani minn madwar 4000
sena ilu, kienu qed jużaw ħafna kuluri speċjalment aħmar
u blù, waqt li l-Persjani kienu famużi għal-lapis lazuli (blù
brillanti) u l-Feniċi għall-vjola li kienu jġibuh minn
ċertu bebbux, u li fuqu għal żmien twil kellhom monopolju;
u tant kien rari li kien riservat għall-familji rjali1.
Madanakollu l-varjetà ta’ kuluri għall-artist tista’ tgħid
li bdiet għall-bidu tas-seklu 15 mill-aħwa Fjammingi Jan u
Hubert van Eyck. Artisti oħra esperimentaw ukoll, kultant b’riżultati
diżastrużi. Per eżempju ‘L-Aħħar Ċena’
ta’ Leonardo da Vinci bdiet titfi hekk kif kienet lesta, u kemm Joshua
Reynolds (li uża l-bitumen) u Thomas Gainsborough (li uża ħafna
terpentina) għarrqu xi xogħlijiet tagħhom. Imma ġeneralment
ir-riżultati huma mpressjonanti u ta’ kreatività kbira – mill-geġwiġija
ta’ kuluri ta’ xi maltempata ta’ Turner, għat-tektik
puntillista ta’ Monet; jew anke n-nuqqas ta’ kuluri fil-chiaroscuro ta’
Caravaggio. Anke fl-iskultura l-artist barra li ovvjament jista’ jiżbogħ
l-istatwa (anke bid-deheb) jista’ joħroġ dan l-effett billi
jnaqqas iktar fil-fond u jirranġa daqsxejn id-dwal. Xi artisti
barokki bħal Bernini ġieli kienu jagħżlu rħam
naturali diġa’ kkulurit. U
kultant tiltaqa’ ma’ kuluri fejn l-inqas li tistennihom: fid-dinja
subatomika u fis-sema iswed ta’ bil-lejl! Dawk tad-dinja subatomika ma
humiex litteralment veru imma l-iżgħar partiċelli li sa
issa nafu bihom, il-quarks, tawhom ismijiet ta’ kuluri biex jiddistingwu
karatteristiċi bażiċi2. Għalkemm
fis-sema iswed ta’ bil-lejl il-kwiekeb jidhru biss bħala tikek
bojod, però daqsxejn osservazzjoni tajba turi li xi wħud minnhom
huma daqsxejn ikkuluriti3. Fost l-eżempji prominenti nsibu
Capella daqsxejn safranija, Arcturus oranġjo-safra; Sirius u Vega fl-abjad
blù; Mu Cephei aħmar skur (il-garnet star) u Antares u
Aldebaran fl-aħmar. Fost il-pjaneti, Mars hija distintament ħamranija4
waqt li, ferm inqas ovvja, Neptune tagħti lemħa ħadranija.
L-ispektrum imbagħad huwa ċentrali fl-Astronomija. Bi studju
dettaljat ta’ din l-istrixxa kkulurita ta’ dawl tax-xemx, kwiekeb,
galassiji, nebuli eċċ, nistgħu nkunu nafu dawn minn xiex
huma magħmula, jekk humiex resqin jew jitbiegħdu u b’kemm veloċità,
jekk humiex iduru fuqhom infushom, għandhomx effetti manjetiċi eċċ.
Dan barra li dan l-ispektrum tana wkoll mezz ta’ klassifikazzjoni
tal-kwiekeb kif ukoll indikazzjoni ta’ l-evoluzzjoni tal-kwiekeb,
tal-galassiji u ta’ l-univers innifsu. Ma humiex konklużjonijiet
żgħar dawn, u kollox minn studju ta’ daqsxejn strixxa
ikkulurita ta’ dawl. Intant, anke fl-ibgħad reġjuni ta’ l-ispazju
ta’ issa għadna ma ltqajniex ma’ xi kuluri differenti. U
allura l-kuluri jidher li ser jibqgħu magħna, aktarx anke waqt
l-irqad. Inti toħlom bil-kulur? 1
L-Ingliz Henry Perkins (1838-1907) meta kien ghadu kwazi student fil-kimika,
darba qaleb xi fliexken u b’kumbinazzjoni harget tahlita sabiha ta’ vjola
li minnufih studjaha u minnha hareg kuluri ghall-hwejjeg u sar sinjur kbir. 2
B’kollox hemm 18-il quark differenti li ghandhom sitt flavours u
tlett kuluri (ahmar, blù u ahdar). Ta’ min jerga’ jirrepeti li dawn ma
humiex xi kuluri veri. 3
Fil-kwiekeb dawn il-kuluri jirriflettu t-temperatura, b’dawk hamranija
f’temperatura inqas minn dawk bojod-blù. 4
Mhux b’kumbinazzjoni ssemmet ghal alla Ruman tal-gwerra. FORSI
JINTERESSAWK Kulħadd
importanti Fil-film
‘Lawrence of Arabia’ hemm xena li fiha Lawrence u sħabu kienu qed
jaqsmu d-deżert u ħakmithom maltempata tar-ramel. F’daqqa waħda
ntebħu li seħibhom Jasmin – raġel marid u ta’ ftit
importanza għall-espedizzjoni, infired minn mal-grupp. Kien mitluf waħdu
f’dik il-maltempata tal-biża’. Ħafna ddeċidew li jibqgħu
sejrin għax ‘dak bih u mingħajru xorta… anzi aħjar mingħajru’.
Iżda Lawrence ma rraġunax hekk. Issogra ħajtu. Reġa lura
f’nofs il-maltempata sakemm sabu. Għal Lawrence ma kien hemm ħadd
għar-rimi. Kemm
iktar għall-Mulej m’hemm ħadd għar-rimi imma kollha kemm aħna
jħobbna b’imħabba tal-ġenn! Skond
għalfejn Bernard
Shaw kien awtur ċelebri imma assolutament ma riedx li l-kotba tiegħu
jiġu studjati fl-iskejjel: “Nisħet
minn qiegħ qalbi lil dak jew dawk li jdaħħlu xi ktieb li ktibt
fil-kurrikulu ta’ l-iskola. Nibża’ li nkun mibgħud daqskemm hu
mibgħud Shakespeare. Il-kotba tiegħi qatt ma ridthom iservu ta’ għodda
ta’ tortura.” Għax
ngħiduha kif inhi… hemm differenza taqra għall-pjaċir u taqra
bilfors għax trid tkun ippreparat għal xi eżami! Is-saħħa
ta’ kelma Fil-1896
il-Professur Samuel Langley kien qed juża fondi ta’ l-università biex
joħloq l-ewwel ajruplan. U fil-fatt irnexxielu jagħmel mudell żgħir
li seta’ jitla’ mill-art u jżomm fl-arja għal tul ta’ ħin.
Żgur li kien il-bidu ta’ kixfiet kbar oħra. Iżda ġurnalist
fin-New York Times kisser kull progress meta attakka bla ħniena dawn l-esperimenti
ta’ Langley: ‘Sur
Langley nitolbuk biex il-fondi ta’ l-università tużahom għal
esperimenti iktar utli u li tagħti lill-istudenti tagħna materjal
iktar ta’ ħtieġa fil-ħajja flok dan il-logħob li qed
timlilhom rashom bih.’ Ftit
snin wara l-aħwa Wright komplew dawn l-esperimenti fl-avjazzjoni. Immaġina
d-dinja tal-lum bla ajruplani! Kelma
tista’ tkisser ħolma… u kelma tista’ twettaq ħolma. Ejja nkunu
bennejja flok qerrieda ta’ ħolmiet l-oħrajn. Risposta
f’waqtha!! Kien
qatta’ ħafna snin fuq il-baħar. U sikwit kien jiftaħar
dwar dak li għadda minnu. Darba
qal: “…il-vapur
intlaqat. Kulħadd għereq. Jien biss salvajt u kelli nqatta’ erbat
ijiem fuq landa tas-sardin.” “Mela
kienet landa kbira biex felħitek!”
qatagħlu kliemu xi ħadd mis-semmiegħa.
“Jekk
tieħu riħ u tibla’ ħafna mediċini tfiq f’ġimagħtejn Imma
jekk ma tieħu xejn għandek kważi ħmistax-il ġurnata
marid.” Gloria
Silverstein AĦBARIJIET
TA’ INTERESS IL-LAQGĦA
TA’ DIĊEMBRU Gie
jkellimna s-superjur Joe Fenech. Bena l-lezzjoni interessanti tiegħu fuq
kemm hi prezzjuża l-ħajja. Xortina tajba li twelidna. Xejn ma hu
isbaħ mill-ħajja. Illum eluf u eluf kuljum ma jarawx id-dawl tax-xemx
għax, għal xi raġuni jew oħra, jispiċċaw maqtula
mill-istess ommijiethom. Hija l-ironija tas-soċjetà moderna. Avvanzajna
f’kollox. Nieħdu ħsieb kollox iżda tarbija f’ġuf ommha
ma għandha l-ebda drittijiet. Annimal spiċċa li għandu
drittijiet aktar minn esseri uman. Ħares ftit lejn il-liġijiet ta’
pajjiżi kbar. Miskin int jekk jaqbduk issawwat annimal (niftehmu ħażin
ħafna tkun qed tagħmel) imma mbagħad l-istess pajjiż
joffrilek kollox biex itemm tqala li ma hijiex mistennija. L-abort
iħalli effetti psikoloġiċi f’kull min ikun imdaħħal
fih. Mhix ċajta x’ħin tpoġġi rasek fuq l-imħadda
tiftakar li ma ħallejtx bniedem jitwieled. Dan jikkonfermawh dawk in-nisa
li f’xi waqt f’ħajjithom ħadu din id-deċiżjoni kerha.
Mara kienet kitbet f’gazzetta lokali li għaliha saret xi ħaġa
li ma tistax tissaportiha li meta tmur biex torqod tisma’ vuċi interna
tgħidha “Ma għax qtiltni.” Statistiċi mediċi jgħidu
li mara li tkun għamlet abort għandha 80% aktar ċans li
jaqbadha cancer. Meta nħawdu man-natura aħna ser immorru
ħażin għaliex DAK li għamilna kien jaf eżatt x’qiegħed
joħloq u aħna qatt ma nistgħu neħdulu postu. U issa anke
l-uniċità ta’ kull wieħed minna hi mhedda bil-cloning.
Meta nbagħbsu man-natura nkunu qed nilagħbu ma’ saħħitna.
Jekk f’ħajjitna ma ndaħħlux lil Alla jkollna ħafna u
ħafna vojt. Min għandu kollox u ma għandux lil Alla ma għandu
xejn u min ma għandu xejn u għandu lil Alla għandu kollox. Ħajr
lil Robert Borg – barman tal-każin tal-Youngsters – tad-drinks
li qassamna wara l-laqgħa. Fredu Attard ta’ Triq San Ġwann tela’
fil-benniena bil-bambin li tellajna peress li kienet l-aħħar laqgħa
qabel il-Milied. STEDINA GĦALL-FARSA TA’ SPIRU nhar
is-Sibt 6 ta’ Jannar 2007 fis-7.15p.m. Din is-sena jisimha… SPIRU
U L-ĦARES L-old
boys ukoll huma mistiedna għal din ir-rappreżentazzjoni.
Wasslulhom din l-istedina għal daħka flimkien tal-bidu tas-sena biex
it-tliet rappreżentazzjonijiet l-oħra nħalluhom għall-bqija
tan-nies. Mela
ħabib ejja int u ħajjar lil ħbiebek u sħabek jiġu
wkoll. Narawkom is-Sibt 6 ta’ Jannar 2007 fis-7.15p.m. IL-BIBBJA
FIL-ĦAJJA TAL-LUM [Abraham
u Lot vjaġġaw flimkien Iżda
kif l-imrieħel u
l-familji tagħhom kibru Ma
kienx fadal biżżejjed fejn
jirgħu l-bhejjem.] “Mela
qamet ġlieda… Abraham
qal lil Lot…., ‘Jekk
int tmur lejn ix-xellug, Jiena
nżomm lejn il-lemin, U
jekk int tieħu l-lemin, Jien
immur lejn ix-xellug…’” {Ġen
13: 7-9} Il-mexxej
kbir Afrikan Paul Kruger Kien
jgħix fil-bidu tas-seklu għoxrin. Darba
sejħulu biex jaqsam Art
bejn żewġ aħwa miġġielda. Peress
li f’din l-art kien hemm Għoljiet,
għadajjar u minjieri Intebaħ
li kull kif jaqsam Kien
ser jinbet l-inkwiet. Kruger
ħaseb fil-fond fuq il-problema. Imbagħad
ġieh ħsieb f’moħħu. Sejjaħ
lill-aħwa flimkien U
ordna lill-wieħed jaqsam l-art U
ta lill-ieħor id-dritt li jagħżel l-ewwel. Kif
inġib ruħi waqt argumenti Li
jinqalgħu madwari? Kif
insolvi l-problemi? Il-post
biex tkun ferħan hu hawn. Iż-żmien
li tkun ferħan issa. Il-mod
li tkun ferħan hu
li tferraħ lill-oħrajn. ROBERT
C. INGERSOLL IĊ-ĊAGĦAK Ħafna
u ħafna snin ilu, bidwi kellu l-isfortuna ta’ dejn ma’ wieħed li
kien jislef il-flus. Dak
li jislef – raġel mill-agħar – kellu grazzja ma’ bint il-bidwi.
Peress li l-bidwi ma
kellux mnejn iħallas id-dejn, is-selliefi ħareġ bi proposta. Qal
lill-bidwi li hu lest li jaħfirlu d-dejn kollu jekk iżewġu lil
bintu. Iżda kemm il-bidwi kif ukoll bintu ma ħadux gost b’din
l-idea. Ix-xebba ma kellhiex grazzja miegħu u jsallabha għal għomorha
ma kinitx ħaġa li ħadet gost biha. Għalhekk is-selliefi,
ħażin daqs lupu, ippropona li jħallu l-providenza taqta’ x-xorti
tagħhom. Qalilhom li hu ser jagħmel ċagħka bajda u oħra
sewda f’borża tal-flus vojta. Imbagħad
il-bint kellha ttella’ waħda minnhom. Jekk
ittella’ s-sewda hi tiżżewweġ lis-selliefi u d-djun ta’
missierha jinħafru. Jekk
ittella’ l-bajda ma jkollhiex tiżżewġu imma d-dejn ta’
missierha xorta jinħafer. 3.
Jekk ma tkunx trid ittella’ ċagħka missierha jittieħed
il-ħabs. Kienu
għaddejjin minn mogħdija ċagħkija fl-għelieqi
tal-bidwi. Kif kienu miexja s-selliefi tbaxxa u ġabar żewġ
ċagħkiet. Minn taħt għajnejha x-xebba ntebħet li kien
ġabar tnejn suwed u tefagħhom fil-borża. Imbagħad qal lit-tfajla
biex ittella’ waħda. Issa
aħseb ftit li kieku int kont minflokha f’dik il-għalqa. X’kont
tagħmel? Kieku
talbitek parir, x’kont tgħidilha? X’ħin
taħseb ftit kellha tliet possibiltajiet: Tirrifjuta
li ttella’ ċagħka. It-tfajla
turi li ried iqarraq biha għax fil-borża xeħet żewġ
ċagħkiet suwed. It-tfajla
ttella’ ċagħka sewda u toffri lilha nnifisha biex missierha jinħeles
mid-dejn u possibilment ħabs. Ieqaf
ftit biex taħseb fuq din l-istorja. Din biex turina d-differenza bejn
ħsibijiet differenti u kif tiftaħ tieqa anke meta kollox jidher
mitluf. Il-problema tat-tfajla ma tistax issolviha bil-metodi tradizzjonali
tal-ħsieb. Ara ftit minn xiex kien ikollha tgħaddi kieku ħadet
waħda minn dawn it-tliet toroq li semmejna qabel. X’kont
tgħidilha biex tagħmel? Mela,
dan hu dak li għamlet hi…. Ix-xebba
daħlet idha fil-borża u ħarġet ċagħka. Bla ma
ħarset lejha hi ħallietha taqa’ minn idha u b’hekk intilfet fost
l-oħrajn li kien hemm fl-art. “Uff!!
Kemm jien bla grazzja wkoll!” qalet. “Imma tinkwetaw xejn,
jekk inħarsu lejn dik li fadal fil-borża nintebħu x’kont
tellajt.” Peress
li dik li kien fadal kienet sewda, għandna naħsbu li dik li tellgħet
kienet bajda. U billi s-selliefi żgur li ma kienx ser jammetti d-diżonestà
tiegħu, it-tfajla rnexxielha ddawwar sitwazzjoni li dehret impossibli
f’waħda favorevoli għaliha u għal missierha. Għalhekk
ħabib meta tħossok li wasalt ma’ ħajt imkaħħal aħseb
ftit mill-ġenb ta’ moħħok u jekk tuża sewwa dak li għandek
taħt l-iskutella ta’ rasek kapaċi toħroġ b’soluzzjoni
kif xtaqtha oriġinarjament. Awguri għal sena kif tixtieq qalbek! |